Il-familji u tfal residenti fi djar u s-servizzi ta’ Fondazzjoni Sebħ qed jaħdmu fi proġett ma’ żewġ artisti biex itellgħu wirja ta’ fjuri magħmula mill-karti u wkoll libsa tal-karti li tista’ tintlibes.

Minbarra hekk, it-tfal li jgħixu fid-djar ta’ Fondazzjoni Sebħ qed jitħejjew biex jagħmlu żifna ma’ korjografa.

Fix-xelter ta’ Fondazzjoni Sebħ bħalissa hemm 12-il familja li n-nisa u t-tfal tagħhom ikunu għaddew minn vjolenza domestika jew kull tip ta’ abbuż ieħor.

Fl-erbat idjar tat-tfal ta’ Fondazzjoni Sebħ, Dar Fra Diegu, Dar San Nikola, Dar Sagra Familja u Dar Santa Tereża bħalissa hemm 41 tifel u tifla, waqt li Fondazzjoni Sebħu tieħu ħsieb ukoll servizz fil-komunità għar-residenti tal-Ħamrun u l-Marsa li għalih jattendu 40 klijent.

Dawn ir-residenti u klijenti kollha qed jieħdu sehem fi proġett li qed torganizza Fondazzjoni Sebħ.

Hi inizjattiva ffinanzjata mill-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-President’s Awards li rbaħna s-sena l-oħra. Huma fondi ta’ madwar 10,000 sabiex inkunu nistgħu nagħmlu proġett tal-arti mas-servizzi kollha ta’ Fondazzjoni Sebħ. Qegħdin niġu assistiti minn artisti rinomati li huma Angele Galea, James Dimech u se jkollna wkoll żifna tat-tfal li għażlu huma li xtaqu jagħmluha huma ma’ Pamela Kerr li hija korjografa wkoll rinomata u kif qed naraw l-arti qed tieħu shapes differenti.

Elmer Stanmore – Senior Manager Fondazzjoni Sebħ

Elmer Stanmore spjegat li Fondazzjoni Sebħ tagħmel minn kollox biex il-41 tifel u tifla li jgħixu hemm ma jonqoshom xejn.

Id-djar tat-tfal illum ninsistu ħafna ħafna li huma djar u mhux istituti. L-istituti llum m’għadhomx jeżistu biex ngħidu hekk. Huma djar, huma flatlets żgħar fejn jieħdu sa massimu ta sitt itfal u anke l-aħwa jibqgħu jgħixu flimkien u ma jitkeċċewx meta jagħlqu 18-il sena. Jiġifieri huma djar simili għad-djar fil-familji tagħna. Hemmhekk nagħtuhom il-bżonnijiet tagħhom.

Elmer Stanmore – Senior Manager Fondazzjoni Sebħ

L-artist James Dimech spjega kif qed jassisti lir-residenti biex isiru dawn il-proġetti tal-arti.

Jiena paper artist jiġifieri qed ngħaddi daqsxejn mill-esperjenza tiegħi u noħolqu affarijiet bil-karti mar-residenti. Bdejna bil-fjuri tal-karti kbar u kienet xi ħaġa li veru ħadu pjaċir biha għax meta minn karta toħloq xi ħaġa tridimensjonali, kbira, u ħallejthom fil-libertà biex kulħadd ipoġġi l-fantasija tiegħu kienet ta’ suċċess u ġibna mbagħad għal xi ħaġa forsi iktar femminili u b’karti riċiklati. Minn sempliċiment imrewħa qed narmawha għal libsa li tista’ tintlibes. Hawnhekk hawn proġett fil-proċess għax hemm ħafna xogħol ta’ muntar.

James Dimech

James Dimech kompla jgħid li l-libsa għadha fil-fażijiet tal-bidu tagħha u qal li għalih personali hi ta’ esperjenza sabiħa li jara lir-residenti entużjasti jieħdu sehem fi proġett flimkien fejn f’Novembru mbagħad dawn ix-xogħlijiet se jkunu għall-wiri.