Suċċess fl-ewwel edizzjoni ta’ Festival ta’ football
Nhar is-Sibt 9 ta’ Ottubru 2021 filgħaxija ġiet fi tmiemha l-ewwel edizzjoni ta’ festival ta’ 16 il-siegħa ta’ football mtellgħa minn Fondazzjoni Sebħ b’kollaborazzjoni mal-Fgura United Football Club.
Fondazzjoni Sebħ hija entità non-governattiva fi ħdan il-Knisja li tmexxi 4 t’idjar tat-tfal: Dar Sagra Familja, Ħaż-Żabbar, Dar Santa Tereża, iż-Żurrieq, Dar San Nikola u Dar Fra Diegu ġewwa Ħamrun.
L-erba’ djar jospitaw 41 tifel u tifla mqassmin f’7 appartamenti sabiex b’hekk jigi offrut ambjent bħal dak tad-dar. Fondazzjoni Sebħ toffri ukoll servizz ta’ xelter lill-vittmi ta’ vjolenza u wliedhom, kif ukoll servizz ta’ after care lill-istess nisa flimkien mat-tfal tagħhom.
Fondazzjoni Sebħ toffri wkoll servizz fil-komunità għal residenti tal-Marsa u l-Ħamrun, u qiegħda wkoll taħdem fuq iktar proġetti, fosthom ċentru terapewtiku. Dan il-proġett għandu l-għan li Fondazzjoni Sebħ ikollha l-faċilità fejn tista’ toffri spazju sigur u adattat fejn jiġu offruti servizzi terapewtiċi lit-tfal u nisa residenti fid-djar u x-xelter, nies li jibbenefikaw mis-servizzi fil-komunita’ u dawk li jibbenefikaw mill-after care services.
L-iskop ta’ dan iċ-ċentru huwa li jgħin lil dawn l-individwi sabiex jirriflettu fuqhom innifishom, isibu għajnuna sabiex jipproċessaw it-trawma li jkunu għaddew minnha, u jkomplu jsaħħu lilhom nfushom sabiex jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti.
Grazzi għall-ħidma tal-amministrazzjoni ta l-Uffiċċju Ċentrali ta’ Fondazzjoni Sebħ u l-kontribuzzjonijiet kontinwi minn kumpaniji, ħwienet u nies li pparteċipaw, inġabret somma sabiħa ta’ €4,560 b’risq dan iċ-ċentru.
Id-Direttriċi ta’ Fondazzjoni Sebħ, Yvonne Mallia, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha fi tmiem il-festival għall-ġabra li saret, meta rringrazzjat lill-Fgura United Football Club li kkolaboraw u ssapportjaw lill-Fondazzjoni Sebħ f’din l-attività u offrew is-sapport tagħhom b’mod kontinwu kemm f’attivitajiet realtati mal-isport kif ukoll sapport għad-djar residenzjali tal-Fondazzjoni.
Irringrazjat ukoll lill-voluntiera kollha li offrew il-ħidma, il-ħin u d-donazzjonijiet tagħhom, kif ukoll lill-parteċipanti li ħadu sehem u lil dawk kollha li attendew biex jinkoraġġixxu lill-organizzaturi u parteċipanti u talli żammew l-atmosfera tant sabiħa, li lkoll għenu sabiex isir dan il-festival u jkun wieħed ta’ suċċess.
Categories
- Articles (22)
- Events (3)
- Fondazzjoni Sebħ (3)
- Latest News (3)
- Projects (2)