Kumpanija lokali TAPP Water (Malta) Ltd segwiet donazzjoni ta’ erba’ filtri tal-ilma s-sena l-oħra lil Fondazzjoni Sebħ b’donazzjoni ta’ 13-il filtru ieħor.

Il-filtri l-ġodda ġew installati f’Il-Milja, iż-Żejtun, shelter għal 12-il familja li kienu vittmi ta’ vjolenza domestika, servizz residenzjali ta’ after care għal tlett familji u faċilità ta’ sapport fil-komunità.

Fondazzjoni Sebħ hija organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) li toffri servizzi residenzjali lil tfal u żgħażagħ, shelter u servizz ta’ after care lil nisa li jkunu esperjenzaw xi vjolenza, flimkien mat-tfal tagħhom, kif ukoll servizz fil-komunità għal residenti tal-Ħamrun u l-Marsa. Qegħda taħdem fuq iktar proġetti, fosthom ċentru terapewtiku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ TAPP Water (Malta) Ltd, Phil Richards, qal li kien kburi li għamel dan il-kontribut żgħir lejn it-tmexxija ta’ kuljum ta’ dawn id-djar, li apparti milli jiżguraw li l-pastik li jintuża darba ma’ jidħolx f’dawn il-postijiet, jagħmlu ħajjithom iktar favur l-ambjent, b’inqas spejjeż.

Dawn huma ftit mill-kummenti li n-nisa, ftit minnhom vittmi ta’ vjolenza domestika, taw wara li ġew installati l-filtri ta’ TAPP Water:

  • “Komda peress li niffranka traġitti mill-ħanut.”
  • “Togħġobni li m’għandix għalfejn inġorr pakketti tal-ilma kull darba li noħroġ nixtri, speċjalment issa li jien tqila u ma nistax inġorr affarijiet tqal.”
  • “Issa li għandi dan (il-filtru), qatt ma nispiċċa mingħajr ilma tax-xorb.”
  • “Ħasra kemm kont narmi plastik qabel ma kelli dan il-filtru tal-ilma.”
  • “Qiegħda niffranka l-flus peress li m’għandix bżonn nixtri fliexken tal-ilma il-ħin kollu.”

Is-Sur Richards qal li jappoġġja bis-sħiħ il-viżjoni tal-fondazzjoni li tħabrek biex trawwem ambjent ta’ tkabbir, irkupru u twettiq, u b’hekk tassigura d-dinjità u l-valur ta’ kull individwu, tifel, tifla u familja għal soċjetà iktar inklussiva.

Tista’ tagħmel kuntatt ma’ Fondazzjoni Sebħ permezz tal-website http://www.sebh.mt/ jew fuq Facebook.