Il-Fondazzjoni Sebħ tirbaħ finanzjament mill-programm televiżiv Changemakers
Il-Fondazzjoni Sebħ ħabbret b’sodisfazzjon illi rebħet €25,000 fil-finali tal-bieraħ tal-programm Changemakers.
Il-Fondazzjoni fi stqarrija fuq Facebook qalet li biħsiebha tinvesti s-somma mirbuħa fil-bini tal-appartamenti ta’ wara l-għoti tal-kura b’risq in-nisa u t-tfal illi jirrikorru għandha għall-għajnuna. Il-Fondazzjoni, li hija entità tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, toffri servizzi residenzjali għat-tfal u għaż-żgħażagħ, faċilità ta’ xelter għal nisa u tfal illi sofrew minn vjolenza domestika kif ukoll servizz fil-komunità għar-residenti tal-Ħamrun u tal-Marsa.
Changemakers huwa programm televiżi illi jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali kull nhar ta’ Ħadd biex joffri l-possibbiltà ta’ finanzjament lil għaqdiet u individwi li joħorġu b’inizjattivi fejjieda li kapaċi jħallu impatt soċjali tanġibbli.
Il-Fondazzjoni rringrazzjat lil dawk kollha li wrew fidi fil-kawża tagħha billi pprovewlha din il-pjattaforma biex tkabbar l-vuċijiet tan-nisa u tat-tfal fil-kura tagħha, qabelxejn lill-membri tal-ġurija li wrew lill-persuni vulnerabbli fis-soċjetà li huma maħbubin, mismugħa u apprezzati.
Iżżiet ħajr ukoll lil Brian Ferris minn Scope Solutions tal-mentoraġġ illi offra lill-Fondazzjoni u lill-impjegati kollha tagħha talli kienu warajha mill-bidu sal-aħħar. Uriet ukoll apprezzament lin-nies kollha li vvutawlha biex b’hekk setgħet terbaħ din is-somma.
Il-Fondazzjoni temmet billi ferħet lir-rebbieħa Step Up For Parkinson’s Voluntary Organisation u lill-kontestanti kollha l-oħra li tant urew passjoni għall-kawżi tagħhom.
Categories
- Articles (22)
- Events (3)
- Fondazzjoni Sebħ (3)
- Latest News (3)
- Projects (2)